Talba għall-Familja

Mulej Alla tagħna, f’idejk nafdaw l-imħabba, il-fedeltà u l-għaqda tal-familji kollha Maltin u Għawdxin. Ħa tkun it-Trinità, li hi komunità magħquda – Tliet Persuni, Alla Wieħed – il-mudell ewlieni, li jagħti sens u saħħa lill-familji tagħna.
Żommna magħqudin fik, għax meta nkunu tnejn jew tlieta miġburin f’ismek, int tkun f’nofsna. Għinna nikkuraw u ntejbu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna, speċjalment billi jkollna relazzjoni ħajja u sinċiera miegħek. Kabbar fina spirtu ta’ mogħdrija u ħlewwa ma’ xulxin. Kun il-faraġ ta’ familji bi problemi ta’ mewt, saħħa, xogħol, solitudni, fedeltà u fidi.
Qanqal fil-komunitajiet insara iżjed persuni li jaħdmu b’risq il-ġid sħiħ tal-familji tagħna. Dawwal liċ-ċittadini u lill-awtoritajiet biex jagħmlu l-aħjar għażliet fil-qasam tal-familja. Dawwal lin-nies tal-media biex joħolqu klima li tgħin l-għaqda fiż-żwieġ.
Bierek lil dawk li qed iħejju biex jibdew familja ġdida, ħalli jidħlu għal dil-vokazzjoni qaddisa b’impenn, kuraġġ u entużjażmu. Ħa tkun il-Familja Mqaddsa, bħat-Trinità, l-ispirazzjoni l-kbira tal-familji tagħna, anke fit-tielet millennju. Mulej Alla tagħna berikna u qaddisna. Ammen.

family