Merħba
Il-komunità tagħna hija ddedikata lil Alla taħt it-titlu ta’ Marija Mtellgħa s-Sema bir-Ruħ u bil-Ġisem. Aħna, bħala komunità parrokkjali, fil-konkret tal-ħajja tagħna, rridu nixbhu lil Marija, Omm il-Knisja. Marija tagħraf li hi l-qaddejja tal-Mulej u tistqarr li Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Marija, bniedma bħalna, toffrilna eżempju qawwi: bħala qaddejja tal-Mulej, turina t-triq kif insiru nsara ta’ fidi u komunità matura.
Irridu li l-istil ta’ Marija jkun jinħass u jidher fl-istil ta’ kif naħsbu, ta’ kif naslu biex nagħmlu l-għażliet tagħna u ta’ kif immexxu l-ħidmiet kollha tagħna.
Inħeġġeġ lil kulħadd biex nimpenjaw ruħna ħalli flimkien ma’ Marija nkunu qaddejja ta’ Ġesù u qaddejja ta’ xulxin. Fuq l-eżempju ta’ Marija u ta’ Binha Ġesù, lkoll għandna nħossu l-bżonn li npoġġu lilna nfusna qrib il-bnedmnin ħutna u naqduhom fil-bżonnijiet tagħhom. Huwa mill-imħabba lejn xulxin li nintgħarfu li aħna dixxipli ta’ Ġesù.