Ftit Storja

L-istorja tal-knisja u tal-komunita tagħna

 

Il-knisja ta’ Santa Marija, magħrufa aħjar bhala l-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara, tinsab il-barra miċ-ċentru storiku ta’ Birkirkara, sewwa sew fuq il-naħa l-oħra tal-wied. Madankollu, din il-knisja hija mibnija fuq waħda mill-aktar partijiet għoljin ta’ dan ir-raħal, bl-iskop li tkun aktar protetta mill-attakki tal-kursara, li kienu komuni ħafna fiż-żmien meta bdiet tinbena l-knisja.

Dettal mill-faċċata tal-Knisja ta' Santa Marija.

Dettal mill-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Marija.

Mhux magħruf eżatt meta bdiet tinbena din il-knisja, minkejja li xi kotba isemmu l-1607 bhala s-sena meta beda x-xogħol. Li nafu żgur huwa li l-pjanta tal-knisja saret minn Vittorio Cassar, iben il-famuż Gerolamo Cassar, li kien l-aktar perit importanti għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Meta Vittorio Cassar miet, fl-1607, ix-xogħol fuq il-knisja tkompla taħt Tommaso Dingli.

L-ikbar benefattur ta’ din il-knisja kien Dun Filippu Borg, li twieled f’Birkirkara fl-1567. L-arma tal-familja tiegħu tidher kemm fil-faċċata tal-knisja kif ukoll mad-dawra tal-knisja kollha minn ġewwa. Waqt li kien għadu għaddej il-bini tal-knisja, Dun Filippu irnexxielu jakkwista l-permess mingħand il-Papa Urbanu VIII biex titwaqqaf l-ewwel kolleġġjata tal-Gżejjer Maltin. Dan il-permess wasal bil-Bolla Sacri Apostolatus Ministerio fil-5 ta’ Diċembru 1630. F’Mejju tal-1635 il-knisja saret Kolleġġjata. Sa dan iż-żmien il-bini kien għadu mhux lest u l-parti li kienet lesta kienet għada maqgħuda mal-knisja medjevali. Din mhux l-ewwel knisja li nbniet fil-post fejn għandna l-knisja tal-lum. Fi żminijiet ta’ qabel kien hemm knisja medjevali.

Il-kampnar tal-Knisja ta' Santa Marija bil-Bażilika ta' Sant'Elena fl-isfond.

Il-kampnar tal-Knisja ta’ Santa Marija bil-Bażilika ta’ Sant’Elena fl-isfond.

Iċ-ċerimonji liturġiċi baqgħu isiru f’din il-knisja b’mod normali sakemm in-nies ta’ Birkirkara iddeċidew li jibnu knisja oħra, li tkun ikbar u iktar fiċ-ċentru tar-raħal. F’Ottubru tal-1727 l-Isqof Gaspare Gori Mancini qiegħed l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida ta’ Sant’Elena. Meta l-Kapitlu iddeċieda li jitlaq mill-knisja u jmur fil-Knisja ta’ Sant’ Elena riedu jwaqqgħu l-knisja l-qadima. Wara 120 sena il-knisja ingħalqet u ġiet abbandunata.

Ma nafu kważi xejn dwar il-knisja fis-seklu 19, imma tajjeb li nsemmu lil Dun Gaetano Mannarino, magħruf fl-istorja ghall-Konġura tal-Qassisin tal-1775, li ndifen f’din il-knisja. Mhuwiex magħruf biċ-ċert f’liema parti tal-knisja ndifen, jew liema huwa l-qabar tiegħu. L-unika tifkira tiegħu hija lapida li kienet tinsab fil-korsija u li issa qiegħda fis-sagristija tal-lemin.

Matul il-pesta l-kbira li ħakmet il-Gżejjer Maltin fl-1813, il-knisja ntużat ukoll biex fiha u madwarha jindifnu l-mejtin.

L-agħar parti tal-istorja tal-knisja seħħet meta waqgħet il-koppla u sfronda s-saqaf tal-knisja. Biċ-ċert la nafu meta u lanqas għaliex ġara dan kollu. Li hu żgur huwa li sa madwar l-1850 il-koppla kienet għadha f’postha, imma partijiet mis-saqaf kienu ga waqgħu sa mill-1830. Dan jidher ċar minn numru żgħir (imma prezzjużi ħafna) ta’ xogħolijiet artistiċi bil-kulur u bil-lapes li jmorru lura għal nofs is-seklu 19 u li juru b’mod ċar il-knisja bil-koppla oriġinali kif ukoll l-ambjent tal-madwar.

Fl-1910 twaqqaf kumitat tar-restawr, iżda kien l-Arċisqof Mikiel Gonzi li iddeċieda li kien wasal iż-żmien li din il-knisja terġa’ tiġi irranġata kif tassew jixraq. Ix-xogħol beda uffiċċjalment fit-12 ta’ Ottubru 1969 taħt Abraham Schembri. Kien ukoll inbena ħajt fit-tarf tal-korsija u l-quddies kien isir fil-korsija. Meta l-biċċa l-kbira tar-restawr kien lest twaqqa’ dan il-hajt provizorju u l-knisja kollha setgħet tibda tintuża wara ħafna snin ta’ abbandun totali.

Fl-1992 l-Arcisqof Ġużeppi Mercieca kien ħass il-bżonn pastorali li din iż-żona ta’ Birkirkara tkun awtonoma, jiġifieri indipendenti mill-parroċċa ta’ Sant’ Elena. Dan ġie kkonfermat b’digriet fil-25 ta’ Marzu 1992. Il-Ħadd 8 ta’ Mejju 2005 iż-żona pastorali awtonoma ta’ Santa Marija reġgħet ingħatat t-titlu ta’ parroċċa, unur tassew xieraq lil din il-knisja u lill-komunita tagħha.

Dettal tal-iskultura fil-faċċata tal-Knisja ta' Santa Marija.

Dettal tal-iskultura fil-faċċata tal-Knisja ta’ Santa Marija.

Kronoloġija ta’ ġrajjiet importanti fl-istorja tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, Birkirkara.

A. Żmien Medjevali

Seklu 16 bikri: Kienet diġa teżisti knisja ddedikata lil Santa Marija u lil Sant’Elena fuq l-istess sit.
Żona madwar il-knisja medjevali tkun użata bħala ċimiterju.
F’dan ic-ċimiterju biswit il-knisja kien hemm żewġ kappelli oħra żgħar.

B. Seklu 17

ca. 1615: Jibda x-xogħol fuq il-knisja preżenti.
1615-1618: Jitwaqqgħu ż-żewġ kappelli fiċ-ċimiterju biex jagħmlu wisa’ għall-bini tal-knisja l-ġdida.
ca.1634: Titlesta l-korsija.
ca.1636-39: Jitlestew il-kappelluni tal-ġnub.
ca. 1642: Jitlesta l-kor.
ca.1646: Il-knisja tkun lesta minn ġewwa, iżda mingħajr l-artali tal-ġnub.
Insibu l-ewwel deskrizzjoni tal-knisja minn ġewwa.
Il-knisja medjevali ma tissemmiex iktar: possibilment kienet ġa twaqqgħat.
ca. 1656: Titlesta l-koppla.
ca. 1679: Jitlesta l-kampnar. Oriġinarjament dan kellu jkun maqtugħ mill-knisja, il-pedamenti tiegħu għadhom midfuna taħt is-sagristija.
Il-knisja ddum tinbena madwar 50-60 sena.

C. Seklu 18

Ottubru 1727: Titpoġġa l-ewwel ġebla tal-knisja ta’ Sant’Elena.
20 t’Ottubru 1782: Titbierek il-knisja l-ġdida ta’ Sant’Elena. Il-knisja ta’ Santa Marija bilkemm tibqa’ tintuża.
1787: L-Isqof Labini fi żjara li jagħmel, jikteb li s-saqaf kien fil-periklu li jaqa’. Il-bibien u t-twieqi tal-knisja ġew imbarrati, imma setgħet tibqa’ tintuża għad-dfin.

D. Seklu 19

ca. 1830: Jiġġarfu xi partijiet mis-saqaf
24 ta’ Ġunju 1856: Terremot iġarraf il-koppla u l-bqija tas-saqaf
Settembru 1894: Imut Mabbli Mallia waqt li kien qed jagħmel xi xogħlijiet ta’ tiswija fil-knisja.
24 t’Ottubru 1894: Latterio Vallone (membru tal-Kunsill tal-Gvern) jgħid li l-kampnar kien fil-periklu li jaqa’.

Il-ferrovija għaddejja minn ħdejn il-Knisja ta' Santa Marija.

Il-ferrovija għaddejja minn ħdejn il-Knisja ta’ Santa Marija.

E. Seklu 20

3 ta’ Diċembru 1910: Jitwaqqaf l-ewwel kumitat għar-restawr tal-knisja.
7 ta’ Ottubru 1969: Jibda x-xogħol fuq ir-restawr tal-knisja.
1972: Jitlesta s-saqaf tal-korsija.
13 ta’ Marżu 1972: Jinbena ħajt diviżorju bejn il-korsija u l-bqija tal-knisja. B’hekk il-quddies seta’ jsir fil-korsija waqt li baqa’ għaddej ix-xogħol fil-partijiet wara l-ħajt.
1978: Jibda x-xogħol fuq it-tanbur tal-koppla. Ix-xogħol jieqaf ftit wara u jdum wieqaf 20 sena.
7 ta’ Jannar 1991: Titlesta l-koppla.
13 ta’ Lulju 1992: Jitwaqqa’ l-ħajt diviżorju.
Diċembru 2005 – April 2006: Heritage Malta tagħmel studju dwar l-istat tal-istruttura tal-knisja.
Ottubru 2009: Jitħaffru tlett boreholes, kull waħda fonda madwar 20 metru biex minnhom jittellgħu kampjuni tal-blat li fuqu mibnija l-knisja. Dan kien importanti biex tiġi forsi individwata l-kawża tal-ħsarat strutturali kbar li l-knisja ilha ssofri minnhom għal ħafna snin .
2008: Jiġi rrestawrat l-inkwadru titulari ta’ Santa Marija. Waqt dan ix-xogħol tinstab id-data ta’ meta sar: 1777.
2008-2010: Tiġi rrestawrata l-istatwa proċessjonali tal-Madonna tad-Duttrina minn Heritage Malta.
2012-2013: Tiġi rrestawrata pittura tal-Kruċifissjoni, xogħol tal-Prof. Ġużeppi Briffa, mill-kumpanija Prevarti.

L-istazzjon illum u vagun tal-ferrovija

L-istazzjon illum u vagun tal-ferrovija

 

Kitba: Sandro Sciberras