Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla hija l-bidu u s-sostenn tal-fidi nisranija tagħna. Wieħed ma jistax jistenna li jkun jaf dwar Alla, u dwar kif Alla jridna ngħixu, jekk ma jkunx jaf dak li Alla għoġbu jgħarrfilna dwaru nnifsu. Dan it-tagħrif dwar Alla nsibuh fl-Iskrittura u fit-Tradizzjoni. Il-Qaddisin jgħidulna li min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Alla. |gur li għandna bżonn naqraw iżjed l-Iskrittura. Ejjew insibu ħin għal dan il-qari. Inkunu qed insibu ħin għal Alla fil-ħajja tagħna.
Bi Tradizzjoni nifhmu t-tagħlim tal-Knisja; Ġesù ta lill-Knisja l-awtorita’ li tfissrilna u tinterpretalna l-Iskrittura u d-duttrina tal-fidi. Biex ngħoġbu lil Alla u nkunu magħqudin miegħu rridu nagħtu widen għat-tagħlim tal-Knisja. Id-dixxiplu ta’ Ġesù iħobb il-Knisja u għandu għal-qalbu it-tagħlim tagħha.
L-akbar u l-ogħla rivelazzjoni li Alla tana tiegħu nnifsu seħħet meta Alla bagħtilna lil Ibnu Ġesù. Ġesù huwa l-istess rivelazzjoni ta’ Alla, Alla nnifsu, l-istess Kelma ta’ Alla. Ġesù deher fid-dinja bħala għalliem li għadda jgħallem u jxandar il-Bxara t-Tajba. Hu stess qalilna li “min hu minn Alla, jisma’ l-Kelma ta’ Alla”. Il-prova li wieħed iħobb tassew lil Alla hija li wieħed jisma’ l-kelma li Ġesù qalilna.
Meta ngħidu “tisma” l-Kelma ta’ Alla jfisser li mhux sempliċiment tisma’ b’widnejk, imma tħalli l-kelma tinżel f’qalbek u tbiddlek u tasal li tgħix skond dak li tgħidlek il-Kelma. Huwa bħal meta fil-malti ngħidu “isma’ minni”, jiġifieri, agħmel dak li qed ngħidlek, obdini. Għalhekk Ġesù jgħid: “Mhux min jgħidli Mulej, Mulej jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li qiegħed fis-Smewwiet”. Mela li tisma’ l-Kelma ta’ Alla jfisser li tagħmel dak li l-Kelma ta’ Alla tgħidlek biex tagħmel.
L-Appostlu San Pawl jgħallimna li “l-fidi mis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla”. Jekk qed tħoss li fik jew fil-familja tiegħek il-fidi f’Ġesù hija dgħajfa, dak li trid tagħmel huwa li ddur malajr lejn il-Kelma ta’ Ġesù u tagħmel dak li tgħidlek hi. Quddiem tant pluraliżmu ta’ ideat, kif jista’ wieħed jippretendi li jgħix il-ħajja nisranija tiegħu jekk ikun sajjem minn Ġesù u mill-kelma tiegħu?
Fr Lino