AVVIŻI PARROKKJALI – 2016
Mill-I Ħadd sat-II Ħadd tal-Avvent
(27 ta’ Novembru – 4 ta’ Diċembru)
L-Ewwel Ġimgħa tal-Avvent, Sena (A)
Għada l-Ħadd (27) / Illum qed nistiednu lill-familji sabiex iġġibu Girlanda tal-Avvent li ser tarmaw id-dar, sabiex titbierek fil-quddiesa tal-10:00am.
Issa li beda l-Avvent, bl-attivitajiet kollha marbuta mal-Milied, ħejjejnielkom fuljetti bil-programm dettaljat. Nistednukom tieħdu kopja magħkom u tipparteċipaw kull fejn tistgħu.
Qed inkomplu l-Lectio Divina kull nhar ta’ Tlieta, wara l-quddiesa tas-6:00pm. Nistednukom tingħaqdu magħna biex niddiskutu u nirriflettu flimkien fuq il-Vanġelu tal-Ħadd ta’ wara.
Nhar l-Erbgħa (30) s-saċerdoti ta’ Malta kollha għandna laqgħa ta’ talb u diskussjoni, lkoll flimkien mal-Arċisqof, sabiex ikellimna dwar il-viżjoni tiegħu għall-Knisja f’Malta fid-dawl tal-Konverżjoni għall-Pastorali tal-Ħniena. Nitolbukom titolbu kontinwament għal min il-Mulej ipoġġi fit-tmexxija tal-Knisja sabiex isir dixxerniment tajjeb u joħroġ il-frott mixtieq.
Il-Ġimgħa (2) jkollna l-Adorazzjoni tal-Ewwel Ġimgħa tax-xahar. Is-Sagrament ikun espost skont il-ħinijiet ta’ min jimpenja ruħu u jikteb ismu fir-roster li għandna fis-sagristija. Fil-5:00pm il-Grupp tal-Ħniena Divina jmexxi adorazzjoni. Filgħodu jsir it-tqarbin tal-morda mill-kapillan.
Mill-Ħadd li ġej ilkoll mistiedna nġibu punsjetta l-knisja. Din se tkun qed tirrappreżenta lilna u l-familji tagħna u fl-istess ħin tkunu qed tgħinu fit-tiżjin tad-Dar t’Alla.
Fil-knisja ntramat l-istatwa tal-Immakulata Kunċizzjoni, li dalwaqt tasal il-festa tagħha. Bħalma tistgħu taraw, din l-istatwa għandha bżonn ta’ restawr u tindifa tajba, bħalma wkoll għandha bżonn ta’ Fatima li narmaw f’Ottubru. Jekk hawn min jixtieq jagħti donazzjoni b’riżq it-tiswija ta’ dawn nistiednu jkellem lill-kappillan.
Waslu r-ritratti u d-DVDs tal-Griżma tal-Isqof. Il-familji ta’ dawk involuti jistgħu jiġu għalihom fl-uffiċċju parrokkjali jew fis-sagristija.
Wasal ukoll il-Flimkien ta’ Diċembru. Miegħu ser jitqassam librett żgħir dwar il-koppja Henry u Inez Casolani li l-kawża biex jiġu dikjarati beati minħabba l-eżempju kristjan fil-ħajja sempliċi taħhom, qed tiġi studjata. Nitlob lil min is-soltu jqassam jidħol fis-sagristija, jieħu n-numru tiegħu u jiffirma ismu.
Nhar il-Ħamis (1) fis-7:30pm fil-Katidral l-Imdina se jittella’ kunċert b’risq id-Dar tal-Providenza mill-Banda tal-Forzi Armati fl-okkażjoni tal-Ġimgħa tal-Persuni b’Diżabilità taħt il-patroċinju tal-Arċisqof u l-President ta’ Malta. Jitħabbar ukoll ir-rebbieħ tal-Premju Dun Mikiel Azzopardi 2016. Dħul b’xejn u aktar informazzjoni minn: Radju RTK – 7949 3923 jew Dar tal-Providenza – 2146 2844 jew email – [email protected]
Il-Fondazzjoni LifeNetwork li tipproteġi l-ħajja sa mill-bidu tat-tnissil tagħha ser torganizza dimostrazzjoni bid-dawl tax-xema’ bl-isem: “Malta Stand Up for Life” nhar is-Sibt li ġej (3) fil-5:30pm il-Belt Valletta. Jekk ikun hawn biżżejjed li jibbukkjaw fis-sagristija, il-parroċċa torganizza trasport.
Il-Kap ta’ l-iskola tal-Kulleġġ Santa Tereża Primarja B’Kara tixtieq tavża lill-ġenituri tat-tfal li twieldu bejn Jannar u April tal-2014 li qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet biex jirreġistraw lit-tfal tagħhom (Tel. 21495417).