Ġesu sar bniedem għax iħobbna. Għax Ġesu sar bniedem, il-bniedem ma baqax jibki mingħajr ma jistabar. It-twelid ta’ Ġesu ta sens ġdid lill-ħajja kollha tagħna. Ir-rgħajja ħallew kollox warajhom: telqu n-nagħaġ tagħhom u marru jiġru jfittxu lil Ġesu. Jekk aħna nwarrbu minn ġo qlubna r-rabtiet żejda li għandna żġur li bħalhom niltaqgħu ma’ Ġesu.
Matul l-Avvent u l-jiem tal-Milied ejjew nagħtu aħna wkoll qima liċ-ċkejken Bambin. Dak li ma kien jonqsu xejn ried isir fqir għall-imħabba tagħna. Dak li d-dinja hija tiegħu ried jitwieled bla ma jkollu dar u lanqas benniena. Dak li ta lill-art il-qawwa li tkabbar il-qamħ u l-ħxejjex għall-għajxien tagħna, għalina ried ibati l-ġuħ. Dak li għamel is-sajf u x-xitwa ried jitwieled fil-ksieħ, u jirtogħod bil-bard għall-imħabba tagħna.
Ġesu li beda minn twelidu juri magħna mħabba kbira, ma jridx ħlief li aħna nħobbuh b’imħabba tassew, imħabba li toħroġ mill-qalb.
Jista’ jkun li fina u fil-familji tagħna Ġesu m’għadux jgħix iżjed. Forsi tajnieh il-mewt u fil-qalb tagħna bnejna niċeċ lill-allat foloz. Dal-Milied, Ġesu mhux ser jitwieled fina jekk il-qalb tagħna hija marbuta żżejjed mal-affarijiet tad-dinja. Ġesu ma jistax jitwieled fil-familji tagħna jekk aħna mhux ser nagħmlulu post u nuruh li nħobbuh tassew.
Il-qaddis San Bennard jirrakuntalna fuq l-isbaħ ħolma li kellu meta kien għadu tfajjel. Kienet il-lejla tal-Milied. Għalkemm għajnejh kienu tqal bin-ngħas, hu ried li jeħduh għall-Quddiesa ta’ Nofs il-Lejl. Imma fil-knisja tah in-ngħas, raqad u kellu ħolma mill-iżjed ħelwa. Hu ħolom li qiegħed fil-Ġenna u lemaħ il-Verġni Marija għaddejja b’Ġesu tarbija fi ħdanha. U Marija b’ħarsa ta’ omm, kellmet lil Ġesu u qaltlu: “Ibni, ħares qalb il-folla u agħti daqqa t’għajn lejn iċ-ċkejken Bennard tiegħi”. Il-Bambin bexxaq għajnejh u ħares lejn Bennard, u t-tnejn tbissmu lil xulxin.
Dal-Milied, aħna wkoll għandna nerfgħu ħarsitna lejn Ommna Marija u nitolbuha għal darb’oħra tgħid lil Ġesu biex iħares lejna u lejn il-familji tagħna kif darba ħares lejn Bennard.
Minn qalbi f’ismi, f’isem is-saċerdoti sħabi u f’isem il-Kunsill Pastorali Parrokkjali nixtieq lilkom ilkoll Milied mimli bil-preżenza u l-ferħ ta’ Ġesu.
Fr Lino