Flimkien mal-Knisja kollha, dan ix-xahar nibdew ngħixu r-Randan Imqaddes. Dan huwa żmien li fih, aktar mis-soltu, nirriflettu dwar il-ħajja nisranija tagħna. Ta’ spiss, aħna naħsbu li nafu lil Ġesu, iżda fil-verita’ ma nafuhx: naħsbu li nkunu mexjin warajh, imma nkunu mexjin wara l-ideat u l-gosti tagħna. Għalhekk il-Vanġelu l-ħin kollu jġegħelna nistaqsu: Min hu Ġesu? Min hu d-dixxiplu ta’ Ġesu?
Ir-Randan irid jgħinna neżaminaw il-fidi tagħna: kemm għandna fidi awtentika; kemm hi koerenti mal-Vanġelu; kemm tassew ħarġitna mill-allat foloz tagħna; u fuq kollox, kemm il-fidi tagħna qed titfagħna f’mixja sal-aħħar wara Ġesu. San Pawl kellu l-kuraġġ jgħid: “Irrid nagħraf lilu u l-qawwa tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbhu fil-mewt, biex jirnexxili nikseb il-qawmien mill-imwiet… Waqt li ninsa ‘l ta’ warajja kollu niġri l-quddiem…“ (Fil 3, 10-14).
Fil-bidu tal-Vanġelu naqraw il-Kliem ta’ Alla l-Missier fuq Ibnu Ġesu: “Dan hu Ibni l-għażiż” (Mk 1, 11). Lejn l-aħħar tal-Vanġelu nsibu ċ-ċenturjun pagan li jistqarr: “Dan il-bniedem kien tassew l-Iben ta’ Alla” (Mk 15, 39). Bejn dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet hemm il-missjoni ta’ Ġesu u t-triq iebsa tas-salib. Din hija t-triq li jrid jimxi kull dixxiplu li jieħu ‘l Ġesu bis-serjeta.
Matul ir-Randan inħallu lil Ġesu jaqlagħna mis-sigurtajiet foloz tagħna. Ġesu jkeċċi l-bejjiegħa u jsaffi t-tempju tiegħu, li hu aħna. Ġesu jrid jgħinna nkeċċu minna dak kollu li jagħmel mir-reliġjon u l-ħajja tagħna “suq”, biex nibnuha biss fuqu.
Ir-Randan iħeġġiġna biex inġeddu l-għażla tagħna favur Ġesu u l-Kelma tiegħu. Irridu nżommu ħarsitna fuq it-Tempju l-Ġdid ta’ Alla jiddi bl-imħabba tiegħu, il-Ġisem ta’ Kristu Msallab. “Kif Mose refa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-Bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3, 14-16).
Ir-Randan għandu jwassalna biex nifhmu t-tifsira tal-mewt ta’ Ġesu fuq is-salib. “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut tibqa’ waħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw 12, 24).
Nistedinkom ngħixu dan ir-Randan b’ħafna mħabba lejn Ġesu u lejn il-Kelma tiegħu u nfittxu li nagħmluha fil-ħajja tagħna.
Fr Lino