X’inhi parroċċa?
Fl-Eżotazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium (Il-Ferh tal-Vanġelu) il-Papa Franġisku jfakkarna li għalkemm il-parroċċa mhix l-unika istituzzjoni li tevanġelizza, jekk hija tkun kapaċi tadatta ruhha kontinwament, tibqa’ tkun dik l-espressjoni tal-Knisja li tgħix qalb id-djar ta’ wliedha. Il-Papa jiddeskrivi l-parroċċa bhala preżenza ekkleżjali f’territorju partikulari, il-post tas-smigħ tal-Kelma, fejn il-ħajja nisranija tikber, fejn iseħħ id-djalogu, ix-xandir tal-kelma, il-karità ġeneruża, l-adorazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni. Huwa jikkritika dawk il-komunitajiet jew parroċċi li mhumiex akkoljenti għax fihom hemm burokrazija żejda, jew fejn l-aspett amministrattiv huwa aktar importanti minn dak pastorali, jew fejn insibu biss is-sagramenti mingħajr forom oħra ta’ evangelizzazzjoni. Papa Frangisku jistqarr li hemm komunitajiet żgħar, gruppi u movimenti nsara li huma rikkezza fil-Knisja minħabba l-mod kif jevanġelizzaw u l-entusjażmu li għandhom.
Il-Papa Franġisku jgħid li:
1. Il-parroċċa m’hijiex istituzzjoni li għadda żmienha. Imma hemm bżonn ta’ tiġdid kostanti. Għalhekk hemm bżonn ta’ proċess ta’ dixxerniment, purifikazzjoni u riforma.
2. Il-parrocca għandha flessibiltà kbira. Ħafna jiddependi mill-ftuħ u mill-kreattività tal-komunità u ta’ min imexxiha.
3. Il-parroċċa trid tkun f’kuntatt mal-ħajja u d-djar tal-poplu. Il-parroċċa m’hijiex struttura medhija biha nnifisha. Il-parroċċa m’għandhiex issir struttura maqtugħa mill-poplu jew tirriduċi ruħha għal grupp żgħir ta’ nies magħżula.
4. Il-parroċċa hija l-preżenza tal-Knisja f’territorju partikulari. Ambjent fejn: tisma’ l-kelma ta’ Alla u tipproklamaha; tqim u tiċċelebra; tidħol għal impenn ta’ karità u djakonija ma’ dawk fil-bżonn.
5. Il-parroċċa għandha tgħin lill-insara jissaħħu fir-relazzjoni personali ma’ Ġesù Kristu, fih isibu l-għajn li taqta’ l-għatx. Għandha tgħinhom jikbru fil-formazzjoni nisranija u fl-istess waqt tinkoraġġihom biex ikunu evanġelizzaturi.
6. Il-parroċċa għandha tkun ambjent li jilqgħek, a welcoming community. Il-Papa jitkellem fuq xi parroċċi u komunitajiet fejn l-ambjent ma jilqgħekx, u l-aspett amministrattiv jirbaħ fuq dak pastorali. Meta jkun hemm ambjent li jilqgħek, dan jgħin biex ikun hemm komunjoni ħajja u parteċipazzjoni u b’hekk il-parroċċa tinbena f’komunità ta’ komunitajiet. Il-Papa jitkellem fuq il-valur u r-rikkezza tal-assoċjazzjonijiet u movimenti li jġibu ħeġġa għall-evanġelizzazzjoni. Dawn m’għandhomx jinqatgħu għal rashom u jitilfu l-kuntatt mal-parroċċa lokali. Dan il-kuntatt jgħinhom biex ma jikkonċentrawx biss fuq parti mill-Evanġelju jew jitilfu l-għeruq tagħhom.
7. Il-parroċċa għandu jkollha orjentament missjunarju. Tgħaddi mill-ministeru pastorali ta’ konservazzjoni għall-ministeru pastorali missjunarju. Il-Papa jgħid li l-ħolma tiegħu hi li l-Knisja tagħmel għażla missjunarja fejn id-drawwiet, l-istrutturi, il-programmi jkunu indirizzati għall-evanġelizzazzjoni mhux biex nikkonservaw dak li għandna. Irridu noħorġu ’l barra miż-żona fejn aħna komdi. Il-ħajja tikber meta tingħata, u tiddgħajjef fl-iżolament u meta kollox hu komdu.
8. Il-parroċċa trid tfittex lil dawk li tbiegħdu. Tkun komunità ta’ dixxipli missjunarji li jfittxu lil dawk li tbiegħdu.
9. Il-parroċċa trid tagħti kas il-frott, tikkura l-qamħ u ma titlifx is-sabar minħabba s-sikrana, u tiċċelebra kull rebħa, żgħira kemm hi żgħira.
10. Għal din il-ħidma, il-parroċċa teħtieġ ħafna paċenzja u determinazzjoni appostolika.