Nhar it-3 t’April ta’ din is-sena, Dun Ġużepp Brincat, saċerdot li jagħti s-servizz tiegħu fil-parroċċa tagħna, ċċelebra l-50 anniversarju tal-Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu. Wieħed mill-parroċċa tagħna 50 sena ilu sar saċerdot u dan huwa ta’ ferħ kbir għalina lkoll. Minn qalbna nifirħu lil Dun Ġużepp u nitolbu għalih.
Illum ħafna jitkellmu minn kriżi fl-identita tas-saċerdot, jiġifieri, donnu mhux ċar għalihom min hu dan il-bniedem u x’inhu l-iskop tiegħu. Xi drabi s-saċerdot innifsu jsibha diffiċli jifhem lilu nnifsu. U tabilħaqq, f’ċertu sens, is-saċerdot jibqa’ dejjem “misteru”. San Ġwann Marija Vianney jgħid li “kieku s-saċerdot kellu jifhem lilu nnifsu kien imut, mhux bil-biża’ imma bl-imħabba”.
Mela min hu s-saċerdot? L-Ittra lil-Lhud tgħidilna li s-saċerdot huwa “meħud minn fost il-bnedmin u hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla” (Lhud 5, 1). Hawnhekk il-Kelma ta’ Alla qed tgħidilna tliet affarijiet important ħafna.
L-ewwelnett, is-saċerdot hu ”meħud minn fost il-bnedmin”. Dan ifisser li hu ukoll hu bniedem, u għalhekk “hu dak li jista’ jagħder ‘il dawk li ma jafux u jiżbaljaw, għax huwa mlibbes bid-dgħjufija; u minħabba f’hekk għandu joffri sagrifiċċji għad-dnubiet tiegħu ukoll, bħalma joffrihom għad-dnubiet tal-poplu” (Lhud 4, 2-3). San Ġwann Marija Vianney jgħidilna: “ Mur qerr għand il-Verġni Mbierka jew għand xi anġlu; dawn jistgħu jaħfrulek dnubitek? Le. Il-Verġni Mbierka ma tistax tniżżel lil Binha Divin fl-Ostja. Jista’ jkun hemm mitejn anġlu, imma dawn ma jistgħux jaħfrulek dnubietek. Saċerdot, ikun kemm ikun sempliċI, jista jagħmel dan”.
L-Ittra lil-Lhud tkompli tgħidilna li s-saċerdot “hu mqiegħed għall-bnedmin”. Dan ifisser li hu ġie magħżul minn Alla mhux għas-servizz tiegħu nnifsu, biex ikun sewwa hu, imma biex ikun għall-qadi tal-oħrajn, bħal Kristu li “ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajjtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10, 45). San Ġwann Marija Vianney jgħidilna: “Is-saċerdot mhuwiex saċerdot għalih innifsu. Hu ma jaħfirx id-dnubiet tiegħu stess; ma jamministrax is-sagramenti lilu nnifsu. Hu mhuwiex għalih innifsu; huwa għalik”.
Iżda dan il-qadi tas-saċerdot, tkompli tgħidilna l-Ittra lil-Lhud, huwa “f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla”. Dan ifisser li s-saċerdot irid jaqdi l-ewwel u qabel kollox fl-affarijiet qaddisa: fir-relazzjoni tal-bniedem ma’ Alla. Għax is-saċerdot, kif jgħid ukoll San Pawl, huwa “ministru ta’ Kristu u amministratur tal-misteri ta’ Alla” (I Kor 4, 1); huwa “bniedem ta’ Alla” (1 Tim 6, 11) u “ambaxxatur ta’ Kristu” (2 Kor 5, 20). Jgħidilna San Ġwann Marija Vianney: “Min qiegħed lil Kristu fit-Tabernaklu? Is-saċerdot. Min kien dak li rċieva lil ruħek malli int twelidt? Is-saċerdot. Min iħejjiha biex tidher quddiem Alla billi jaħsilha għall-aħħar darba fid-demm ta’ Kristu? Is-saċerdot, dejjem is-saċerdot. U meta r-ruħ tasal fil-waqt tal-mewt, min iqajjimha, jerġa’ jġibilha l-kalma u l-paċi? Is-saċerdot. Ma nistgħux naħsbu f’barka waħda li ġejja minn Alla, mingħajr ma nsibu x-xbieha tas-saċerdot imwaħħda magħha”.
Dan kollu s-saċerdot jgħixu f’għaqda ma’ Kristu, li waħdu hu l-Qassis il-kbir u ta’ dejjem. Inħeġġiġkom ħafna tgħinu lis-saċerdoti bit-talb tagħkom ħalli huma jgħixu bil-fedelta l-ministeru tagħhom u jkunu qaddisa f’kull aspett tal-ħajja tagħhom.