Fit-13 ta’ Marzu li għadda f’omelija li għamel waqt ċelebrazzjoni fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, il-Papa Franġisku ħabbar Ġublew Straordinarju ta’ Ħniena. Din ser tkun sena speċjali li tiftaħ fit-8 ta’ Diċembru ta’ din is-sena, li minbarra li tkun il-festa tal-Immakulata, dakinhar jaħbat ukoll il-50 anniversarju mill-għeluq tal-Koncilju Ekumeniku Vatikan II. Il-Ġublew jagħlaq fl-20 ta’ Novembru 2016, Festa ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu.
Kif imfisser fid-dokument Misericordiae Vultus, ippublikat fil-11 t’April, Ġesu huwa wiċċ il-ħniena ta’ Alla l-Missier u l-misteru tal-fidi nisranija jsib fil-kelma “ħniena” il-ġabra sħiħa tiegħu. Il-Papa ried li l-motto għal din is-sena ta’ grazzja speċjali jkun “Ħanina bħall-Missier”. Il-kliem “Ħanina bħall-Missier” iwassalna għall-għan aħħari ta’ dan il-Ġublew: wara li aħna nkunu lqajna l-ħniena tal-Missier, imbagħad inkunu lesti li ngħadduha lill-oħrajn.
Il-logo ta’ dan il-Ġublew juri l-figura ta’ Ġesu, li bħala r-Ragħaj it-Tajjeb, qed iġorr fuq spallejh lill-bniedem mitluf, raffigurat fil-persuna ta’ Adam. Ta’ min jinnota kif l-għajn ix-xellugija ta’ Adam hija mwaħħda fl-għajn il-leminija ta’ Ġesu. Dan jurina li bil-ħniena ta’ Alla, Ġesu u l-bniedem għandhom l-istess viżjoni.
Minbarra li jħabbar u jagħti tagħrif dwar il-Ġublew tal-Ħniena, id-dokument Misericordiae Vultus jagħtina wkoll ġabra ta’ tagħlim dwar il-ħniena. Sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, il-Papa Franġisku wera li din it-tema kienet ser tkun fiċ-ċentru tal-ministeru tiegħu bħala mexxej tal-Knisja Universali. Fil-prietki u fid-diskorsi tiegħu huwa kontinwament jisħaq fuq il-ħniena infinita ta’ Alla. Alla ma jegħja qatt jaħfrilna u għalhekk aħna ma għandna qatt naqtgħu qalbna mill-maħfra tiegħu. Mill-banda l-oħra, konsegwenza ċara ta’ dan it-tagħlim hija li aħna rridu nkunu egħjun li permezz tagħhom titwassal il-ħniena ta’ Alla lill-bnedmin kollha.
Il-ħniena ta’ Alla hija universali u l-Ġublew tal-Ħniena jrid imiss kull qasam tal-Knisja, irid jolqot il-qalb ta’ kull min huwa mgħammed. Imma m’għandux jieqaf biss fuqna l-insara, iżda jrid ikun miftuħ għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Il-Ħniena ta’ Alla hija għall-bnedmin kollha.