Meta nitkellmu fuq il-fidi, inkunu qed nitkellmu dwar dak l-att ta’ twemmin u fiduċja li jgħaddi bejn min jemmen u Alla. Biex inkunu nistgħu nemmnu aktar fih, Alla tana żewġ doni speċjali lilna l-bnedmin. L-ewwel, aħna għandna l-qawwa li mmorru lil hinn mill-affarijiet li naraw b’għajnejna u nisimgħu b’widnejna biex nemmnu f’affarijiet oħra. It-tieni, Alla wera lilu nnifsu lill-bniedem. Alla ried li aħna nsiru nafu aktar.
Marbuta ma’ dawn iż-żewġ doni speċjali li Alla tana, il-fidi nisranija tagħna tagħmlilna żewġ sejħat kbar. L-ewwel, għandna bżonn ninqatgħu ftit mill-affarijiet materjali biex moħħna jaħseb aktar fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla. Alla jrid li nagħtu aktar attenzjoni lill-ħwejjeġ li rrivelalna Hu, l-aktar f’Ġesu, biex inħalluhom imexxulna ħajjitna. Hemm bżonn nagħtu aktar ħin lil Alla u lill-Kelma tiegħu.
It-tieni, hemm bżonn li tikber fina x-xewqa li nsiru nafu lil Alla aħjar. Hemm bżonn li nkunu nafu l-fidi tagħna aħjar. Il-bniedem ta’ fidi huwa dak il-bniedem li ma jistenniex iċ-ċirkustanzi bħal mard u mewt fil-qrib jipprovdulu l-ispazju biex jaħseb fuq Alla, iżda jfittex li jħalli spazju biex isir jaf lil Alla hu stess fil-ħajja ta’ kuljum. Alla l-Imbierek ġabar dak kollu li kellu jgħidilna fil-persuna ta’ Ġesu. Hemm bżonn li naqraw x’għamel u x’qal Ġesu l-aktar fil-Vanġeli. Fil-Vanġeli nsibu kliem Ġesu, il-Kelma ta’ Alla għalina.
Ġesu ħallielna komunita biex fiha nimxu flimkien warajh; din hija l-Knisja. Hemm bżonn li nkunu preżenti aktar fil-komunita nisranija u nipparteċipaw aktar fil-ħajja tal-Knisja. Ġesu tana wkoll l-Ewkaristija. Il-grazzji li nieħdu mill-Quddiesa ma nistgħu neħduhom minn imkien ieħor.
Kulma rridu nagħtu lil Alla huwa biss il-ħin u l-attenzjoni; il-kumplament lest li jagħtihulna Hu. Din hi l-fidi nisranija tagħna. Il-fidi, għax ġejja minn Alla, ma jista’ jegħlibha xejn u tagħmel fina ħwejjeġ kbar, jekk ngħixuha bis-serjeta.
Fr Lino