Kif se niċċelebraw

Bookmark 10 snin parrocca

Il-komunità tagħna hija ddedikata lil Alla taħt it-titlu ta’ Marija Mtellgħa s-Sema bir-Ruħ u bil-Ġisem. Aħna, bħala individwi u bħala komunità parrokkjali, rridu nixbhu lil Marija. Marija tagħraf li hi l-qaddejja tal-Mulej u tistqarr li Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.Marija, bniedma bħalna, toffrilna eżempju qawwi: bħala qaddejja tal-Mulej, turina t-triq kif insiru nsara ta’ fidi u komunità matura.

Irridu li l-istil ta’ Marija jkun jinħass u jidher fil-mod ta’ kif naħsbu, ta’ kif naħdmu u ta’ kif niċċelebraw.

Inħeġġu lil kulħadd biex nimpenjaw ruħna ħalli flimkien ma’ Marija nkunu dixxipli awtentiċi ta’ Ġesù. Inħeġġu lil kulħadd biex nimpenjaw ruħna ħalli niċċelebraw dan l-anniversarju f’għaqda ma’ Ġesù u ma’ Marija.

 

Minn xiex għaddejna biex dis-sena qed niċċelebraw

l-10 anniversarju mit-twaqqif tal-parroċċa tagħna?

Kitba: Sandro Sciberras

Biex waslet għal dan l-anniversarju, kemm il-knisja innifisha kif ukoll l-inħawi tal-idwar għaddew minn sensiela ta’ ġrajjiet li flimkien fasslu l-istorja mqallba tagħhom.

Mhux magħruf eżatt meta bdiet tinbena din il-knisja, minkejja li xi kotba jsemmu l-1607 bħala s-sena meta beda x-xogħol. Huwa maħsub li l-pjanta tal-knisja ġiet iddisinjata minn Vittorio Cassar, iben il-famuż Ġerolamo, li kien l-aktar arkitett importanti għall-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann f’dawn is-snin. Meta Vittorio Cassar miet fl-1607, ix-xogħol fuq il-knisja tkompla taħt Tommaso Dingli. L-ikbar benefattur ta’ din il-knisja kien Dun Filippu Borg, li twieled f’Birkirkara fl-1567. Waqt li kien għadu sejjer il-bini tal-knisja, Dun Filippu rnexxielu jakkwista l-permess mingħand il-Papa Urbanu VIII biex titwaqqaf l-ewwel kolleġġjata tal-Gżejjer Maltin.  Dan il-permess wasal bil-Bolla Sacri Apostolatus Ministerio fil-5 ta’ Diċembru 1630. Mir-rapport tal-vista pastorali tal-Isqof Alpheran ta’ l-1736,  jidher li l-knisja damet aktar minn ħamsin sena biex inbniet, jekk nassumu li l-bini beda qrib is-sena 1615.

Iċ-ċerimonji baqgħu jsiru f’din il-knisja b’mod normali, sakemm in-nies ta’ Birkirkara ddeċidew li jibnu knisja oħra, li tkun ikbar u f’parti iktar ċentrali tar-raħal tagħhom. F’Ottubru ta’ 1727, l-Isqof Gaspare Gori Mancini qiegħed l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida ta’ Sant’ Elena. Meta l-Kapitlu ddeċieda li jitlaq mill-knisja u jmur fil-knisja ta’ Sant’ Elena, ġarrew dak kollu li setgħu mill-knisja u għalquha. Matul is-seklu 18, insibu numru ta’ visti pastorali mill-Isqfijiet ta’ dak iż-żmien li fihom hemm deskrizzjonijiet tal-knisja. Wara żaru l-knisja l-Isqof Rull fl-1758, u tliet darbiet l-Isqof Labini fl-1781, fl-1783 u fl-1787.[1] F’din l-aħħar żjara, l-Isqof Labini ra li s-saqaf kien diġà fil-periklu li jisfronda. Bierek l-oqbra tal-mejtin u ordna li jkunu mbarrati l-bibien biex ħadd ma jidħol fiha.[2] B’kollox il-knisja damet ħajja madwar 120 sena biss.

Bejn l-1798 u l-1800, f”Malta kien hawn il-ħakma Franċiża u speċjalment matul l-Imblokk, il-Karkariżi kienu jużaw il-ħitan tal-ġenb tal-knisja biex jipprattikaw l-isparar  bl-ixkubetti. Xhieda ta’ dan huma l-ħofor tal-balal li għadhom jidhru sal-lum.

Ma nafu kważi xejn dwar il-knisja fis-seklu 19, imma tajjeb li nsemmu personaġġ storiku magħruf Malti li ndifen fil-knisja tagħna matul dan is-seklu. Ir-rabta ta’ Dun Gaetano Mannarino, magħruf fl-istorja għall-Konġura tal-Qassisin ta’ l-1775, mal-knisja tagħna hija waħda każwali. Fl-aħħar ta’ ħajtu, hu ħalla miktub fit-testment tiegħu li meta jmut irid jindifen “f’rokna moħbija” fil-knisja tal-post fejn ikun joqgħod. Huwa miet fis-7 ta’ April 1814, u dak iż-żmien inzerta li kien joqgħod San Ġiljan. Minħabba li San Ġiljan kien jagħmel parti mill-parroċċa ta’ Birkirkara, u hu ried jindifen “f’rokna moħbija”, ħasbu li jidfnuh fil-knisja ta’ Santa Marija, li kienet diġà abbandunata u b’hekk qablet eżatt mat-talba ta’ Dun Mannarino.[3]

Matul il-pesta l-kbira li ħakmet il-Gżejjer Maltin fl-1813, il-knisja ntużat ukoll biex fiha u madwarha jindifnu l-mejtin. Xi wħud mill-oqbra tal-knisja li fihom kienu ndifnu l-mejtin tal-pesta ngħalqu b’ħadida fuqhom biex jintgħarfu, b’ordni li ma jinfetħux qabel mitt sena. F’dik l-imxija tal-pesta kienu mietu 281 Karkariż.[4]

L-agħar parti tal-istorja tal-knisja tagħna seħħet meta waqgħet il-koppla u faqgħet is-saqaf tal-knisja. Li hu żgur, u dokumentat, huwa li sa madwar l-1850, il-koppla kienet għadha f’postha, imma partijiet mis-saqaf kienu ġa waqgħu sa mill-1830.

Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-knisja kienet tintuża biex fiha jinżammu l-lezzjonijiet ta’ l-iskola tal-Gvern, speċjalment fis-sagristiji u f’partijiet oħra tal-knisja msaqqfa bi pjanċi tal-metall.[5]

Fl-1910 kien twaqqaf kumitat tar-restawr,[6] iżda kien l-Arċisqof Gonzi li żar il-knisja lejn l-aħħar tas-snin sittin, u li ddeċieda li kien wasal iż-żmien li din il-knisja terġa’ tiġi rranġata kif tassew jixraq.[7] Ftit wara, kienu twaqqfu żewġ kumitati, wieħed mill-Kapitlu ta’ Sant’ Elena u ieħor mill-Kurja biex jieħdu ħsieb ir-restawr. Ix-xogħol beda uffiċjalment fis-7 ta’ Ottubru 1969, taħt Abraham Schembri. Wara li ngħalqu l-oqbra biex l-art tkun iktar soda, seta’ jibda x-xogħol. Meta tlesta s-saqaf beda x-xogħol fuq ħajt proviżorju fit-13 ta’ Marzu 1972, liema ħajt kellu jagħlaq il-korsija mill-kumplament tal-knisja biex il-korsija setgħet tintuża mill-komunita` għaċ-ċelebrazzjonjiet liturġiċi. Il-knisja nfetħet uffiċjalment nhar is-Sibt, 13 ta’ Mejju 1972, b’quddiesa minn Mons Mikiel Gonzi. Iżda x-xogħol waqaf fl-1978 u dam wieqaf għal numru ta’ snin minħabba nuqqas ta’ ftehim fuq kif kellhom isiru t-twieqi tal-koppla, u wkoll minħabba inċident li kellu Abraham Schembri. Ir-Rettur ta’ dak iż-żmien kien Dun Pawl Camilleri li dam iservi f’din il-knsija bejn 1986 u l-1992.

Fis-sajf ta’ l-1992, beda jitwaqqa’ l-ħajt proviżorju li kien inbena 20 sena qabel. F’din l-istess sena, Mons Arċisqof kien ħass il-bżonn pastorali li din iż-żona tkun awtonoma, jiġifieri indipendenti mill-parroċċa ta’ Sant’ Elena. Dan ġie kkonfermat b’digriet ta’ Mons Arċisqof innifsu fil-25 ta’ Marzu 1992 u kien mument importanti ħafna fl-istorja ta’ din il-parroċċa. F’dan iż-żmien ir-Rettur kien Dun Faustin Ellul li dam Rettur mill-1992 sal-1998.

Bejn l-1998 u 2002 serva bħala Rettur Dun Ġwann Sammut. Bejn l-2002 u l-2006, ir-Rettur kien Dun Emmanuel Camilleri li sar ukoll l-ewwel Kappillan ta’ din il-parroċċa fiż-żmien modern meta nhar il-Ħadd 8 ta’ Mejju 2005 f’din il-komunità reġgħet twaqqfet il-parroċċa.

Il-komunità parrokkjali kompliet tikber u bdew jinbtu realtajiet ġodda, li l-Kappillan preżenti, Dun Lino Azzopardi, dejjem mexxa u ħa ħsieb b’għaqal u dedikazzjoni kbira, bħall-Kappillani u r-Retturi kollha ta’ qablu. Kollha kellhom il-kariżmi tagħhom u kien b’dawn id-doni li Alla ħadem bihom għall-ġid tal-parruċċani kollha. Kollha wkoll kellhom iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet u sfidi differenti iżda dawn ukoll huma parti mill-istorja tal-parroċċa. Kien grazzi għalihom u ta’ tant benefatturi, voluntiera u nies ta’ rieda tajba li dan kollu seta’ jsir. Jalla fis-snin li ġejjin din il-komunità tkompli tissaħħaħ biex verament jintlaħaq l-iskop ta’ x’inhi verament parroċċa.

[1] Knisja Kolleġġjata Santa Elena Imperatriċi Awgusta, Kummissjoni Programm tal-Festa, 2000, p. 129

[2] Vella, E.B., op. cit., p. 267

[3] Noti minn taħdita mill-Prof. Mons. V. Borg fil-Kunsill Lokali B’Kara nhar il-11 ta’ Marzu 2005

[4] Zammit, W.L., op. cit., p. 23

[5] Noti minn taħdita mill-Prof. Mons. V. Borg fil-Kunsill Lokali B’Kara nhar il-11 ta’ Marzu 2005

[6] Gazzetta Is-Salib, 3 ta’ Diċembru 1910

[7] Mallia Borg, A., Il-Kapitlu Elenjan u l-Knisja l-Qadima ta’ Santa Marija in Imsiebaħ, 1992, p. 33