Fil-Vanġelu ta’ San Mark, l-aħbar it-tajba ta’ Ġesù lid-dinja u l-messaġġ tiegħu ta’ salvazzjoni, jibda b’dan il-kliem: “Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna t’Alla waslet: indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba” (Mk 1, 15). Bid-dehra ta’ Ġesù fid-dinja beda żmien ġdid, iż-żmien tal-grazzja u tas-salvazzjoni.
L-ewwel kliem ta’ Ġesù huwa stedina biex nilqgħu bil-qalb din l-aħbar ġdida, li hija r-realtà nnifisha tas-Saltna t’Alla li hu qed iwassal lil kulħadd. Ġesù mill-ewwel jurina t-triq: din hi li nikkonvertu u nemmnu fil-Vanġelu, jiġifieri li nibdlu ħajjitna mill-qiegħ u naċċettaw il-Kelma t’Alla li permezz ta’ Ġesù tasal għand il-bnedmin kollha ta’ kull żmien.
Il-konverżjoni u l-fidi huma żewġ affarijiet li jmorru flimkien: m’hemmx waħda mingħajr l-oħra; imma kull waħda tinbet fina meta niġu f’kuntatt mal-Kelma t’Alla li hi ħajja, mal-preżenza ta’ Ġesù li llum ukoll itenni lill-folol: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.
Meta aħna nilqgħu l-Kelma t’Alla u ngħixuha, hi ġġib bidla fil-mod kif naħsbu, jiġifieri konverżjoni. Hi timla l-qalb ta’ kulħadd bis-sentimenti ta’ Kristu quddiem iċ-ċirkustanzi tal-ħajja, kemm fil-bniedem singolu kif ukoll fis-soċjetà.
Imma l-Vanġelu kif jista’ jagħmel il-miraklu u jibdilna mill-qiegħ, jagħtina fidi ġdida mimlija dawl? Is-sigriet qiegħed fil-misteru li jinsab fi kliem Ġesù. Kliemu mhuwiex sempliċement sett ta’ direttivi jew ordnijiet. Fil-Kelma ta’ Ġesù nsibu lilU nnifsu jkellimna. Kliemu hu Ġesù nnifsu, l-istess persuna tiegħu.
Aħna niltaqgħu ma’ Ġesù f’Kelmtu. Meta nilqgħuha f’qalbna, kif Hu jridna nagħmlu (jiġifieri meta nkunu lesti li ngħixuha fil-ħajja tagħna) aħna nsiru ħaġa waħda miegħu u Hu jitwieled jew jikber fina. Hu għalhekk li kull wieħed minna jista’ u għandu jilqa’ din l-istedina ta’ Ġesù: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba”.
Jista’ jkun hemm min jaħseb li l-Kliem tal-Vanġelu hu għoli u tqil wisq, li hu wisq’il bogħod mill-mod kif is-soltu ngħixu u naħsbu, u għalhekk jitħajjar ma jisimgħux, jew inkella jaqta’ qalbu. Imma dan kollu jiġri jekk naħsbu li l-muntanja tan-nuqqas ta’ fidi rridu nċaqalquha waħedna. Fil-verita huwa biżżejjed li nagħmlu ħilitna u ngħixu Kelma waħda biss mill Vanġelu biex fiha nsibu għajnuna kbira u forza unika, dawl għall-passi tagħna.
Il-Kelma ta’ Alla, li fiha hemm Alla, meta ngħixuha tagħmilna nies ħielsa, issaffina, tibdilna, iġġibilna l-faraġ u l-ferħ, tagħtina l-għerf. Kemm tista’ tkun ta’ dawl għalina din il-Kelma matul il-ġurnata! Kull darba li nħabbtu wiċċna man-nuqqasijiet tagħna jew tal-oħrajn, kull meta jidhrilna li ma jistax ikun li timxi wara Ġesù, kull darba li d-diffikultajiet iħajruna naqtgħu qalbna, il-Kelma ta’ Alla tista’ tkun għalina mezz li bih nagħmlu l-qalb u nitħeġġu mill-ġdid.
Il-Kelma ta’ Alla titlob minna li noħorġu mill-għeluq tagħna u ninfetħu għal Alla, biex b’hekk inħossu ħajja oħra titwieled fina, il-ħajja vera. Jekk imbagħad naqsmu din l-esperjenza ma’ xi ħabib tagħna, li hu wkoll ikun għażel li jgħix il-Vanġelu bħala r-regola ta’ ħajtu, madwarna naraw tikber il-komunità nisranija. Għax meta ngħixu l-Kelma t’Alla u naqsmuha ma’ ħaddieħor iseħħ miraklu: meta ng]ixuha, l-Kelma ta’ Alla tagħti bidu għall-komunità, komunità li tkun il-ħmira u l-melħ għas-soċjetà, u li tagħti xhieda għal Kristu kullimkien.
Fr Lino