Il-miġja tal-Ispirtu s-Santu, l-istess bħall-esperjenza tad-dehriet ta’ Ġesu wara l-Qawmien, kienet esperjenza ta’ fidi u ta’ ferħ għall-preżenza mġedda ta’ Ġesu wara l-mewt tiegħu, fil-komunita ta’ dawk li tant kien iħobb.
Filwaqt li San Ġwann jgħidilna li kienu bil-bibien magħluqa, San Luqa jgħidilna li kienu lkoll flimkien f’post wieħed. Iż-żewġ espressjonijiet juru komunita mbeżżgħa u magħluqa fiha nfisha. Kull komunita li m’għandhiex l-Ispirtu ta’ Ġesu bilfors tibża’ quddiem il-kobor tal-missjoni u l-isfidi tad-dinja. Il-biża’ ma jħallix il-komunita’ toħroġ minnha nfisha, tiddjaloga, tagħti xhieda u twettaq il-missjoni li Ġesu fdalha f’idejha.
Iżda l-preżenza ta’ Ġesu’ rxuxtat u n-nifs tal-Ispirtu s-Santu tawha ħajja, saħħa u enerġija liema bħalha. Ilsna qishom tan-nar tqassmu fuq kull wieħed minnhom, riħ qawwi xeħethom ’il barra u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont mal-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. Fost dawk li semgħuhom, seħħet b’mod tal-għaġeb l-għaqda tal-ilsna li kienet intilfet f’Babel (Ġen 11, 1-9): “Aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla”.
Dak li ġara fil-fatt kien li dakinhar grupp żgħir ta’ nies kienu ġarrbu u ħassew fihom is-salvazzjoni, il-ħelsien, il-ferħ li ma jitfissirx bil-kliem, il-qawwa u l-ħajja ġdida li ġabilna Ġesu’. Ġesu’ kien daħal f’ħajjithom, għamilhom tiegħu. Ġesu’ kien fihom, qrib tagħhom, wisq aktar minn meta kienu jarawh b’għajnejhom. Il-ġemgħa tad-dixxipli ta’ Ġesu’ kienet saret il-Ġisem ġdid tiegħu: “Ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed” (1 Kor 12, 13).
Bejniethom ilkoll kien hemm ħajja waħda, il-ħajja ġdida ta’ Ġesu Rxoxt: “Hekk aħna ġisem wieħed fi Kristu u kull wieħed minna membru tal-ieħor” (Rum 12, 5). B’differenza minn għaqdiet oħra tal-bnedmin, il-membri tal-Komunita Nisranija jaqsmu bejniethom, mhux biss il-ħidmiet u l-iskopijiet tagħhom, iżda l-istess Spirtu: il-ħajja tagħhom stess u saħansitra l-ġid li l-Mulej jipprovdilhom. Jaqblu jew ma jaqblux fil-fehmiet, fin-nisel, fir-razza, jew fil-pajjiż, huma jibqgħu dejjem ġisem wieħed u membri ta’ xulxin: “Il-membri kollha jaħsbu f’xulxin, jekk membru jbati jbatu lkoll miegħu, jekk membru jifraħ jifirħu lkoll miegħu” (1 Kor 12, 26).
Permezz tal-Komunita Nisranija, dak li Ġesu kien jagħmel meta kien fostna f’post u fi żmien wieħed, issa jibqa’ jagħmlu fost il-ġnus kollha sal-aħħar tad-dinja. Permezz tal-Knisja Ġesu jibqa jgħix fil-pajjiżi kollha, fl-ambjenti kollha u fiż-żminijiet kollha, jitkellem u jgħallem, jaħdem, ifejjaq, ibati, ixerred is-Saltna ta’ Alla fost il-bnedmin ta’ kull post.
San Luqa, fil-ġrajja tat-Tħabbira tal-Mulej, jgħidilna li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-Kelma ta’ Alla ħadet il-ġisem u saret bniedem f’Marija. Fil-ġrajja ta’ Pentekoste fl-Atti tal-Appostli, jgħidilna li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu wkoll, il-Kelma ta’ Alla, Ġesu Kristu, tibqa’ tieħu sura dejjem akatr konkreta u ħajja, fil-ħajja ta’ dawk li jiffurmaw il-Ġisem ġdid tiegħu. Din hija l-Knisja ta’ Ġesu Kristu.
Fr Lino