Il-Madonna dehret lil diversi nies f’partijiet differenti tad-dinja u talbithom biex jitolbu permezz tar-Rużarju u jħeġġu lil oħrajn jitolbu din it-talba. Ir-Rużarju huwa talba ma’ Marija. Waqt ir-Rużarju l-Madonna titlob magħna lil Alla kif fl-ewwel żminijiet tal-Knisja kienet titlob mal-Appostli u mal-ewwel insara. Fl-Atti tal-Appostli naqraw hekk: “U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma Marija, omm {esu u ma’ qrabatu” (Atti 1, 14).
Ir-Rużarju huwa talba Kristoloġika għaliex fiċ-ċentru tiegħu hemm il-misteru kollu ta’ {esu: l-inkarnazzjoni tiegħu, il-ħajja, il-passjoni, il-mewt, il-qawmien tiegħu u t-tlugħ tiegħu fis-Sema. Anke l-aħħar tlett misteri tal-Glorja huma kristoloġiċI għax fihom naraw l-ewwel it-twettiq tal-wegħda ta’ Ġesù li jibgħat l-Ispirtu s-Santu, imbagħad il-bidu tat-twettiq ta’ wegħda oħra tiegħu, “Sejjer inħejjilkom post… imbagħad nerġa niġi u neħodkom miegħi biex fejn inkun jien, hemm tkunu intom ukoll” (Ġw 14, 2). Din il-wegħda ta’ Ġesù bdiet isseħħ fit-tlugħ fis-Sema ta’ marija u fl-inkurunazzjoni tagħha mit-Trinita Qaddisa.
Fil-mod kif ngħidu r-Rużarju, il-Papa Ġwanni Pawlu II iwissina biex aħna ma naqgħux f’sempliċi ritmu mekkanizzat, bla ħajja. Il-qofol tar-Rużarju huwa r-repetizzjoni tas-Sliema u l-Qaddisa għal għaxar darbiet f’kull posta. Għalkemm din tista’ tidher ħaġa monotona, meta ir-rużarju jingħad bħala espressjoni ta’ mħabba vera lejn Ġesù u lejn Ommu Marija, isir talba ħajja. Ir-repetizzjoni hija għajnuna kbira fit-talb u tintuża f’reliġjonijiet oħra.
Għalhekk, meta nitolbu r-rużarju, m’għandniex ngħaġġlu, imma nitolbuh b’pass meqjus, kelma kelma. Mat-tħabbira tal-misteru, tista’ tinqara silta mill-Bibbja, segwita minn mumenti ta’ skiet, biex nidħlu aktar ’l ġewwa fil-misteru li nkunu qegħdin nikkontemplaw. Nagħtu importanza lit-talba tal-Glorja fl-aħħar tal-posta, li tista’ wkoll tiġi kantata.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II jirrifletti wkoll fuq il-kuruna tar-Rużarju. Fiż-żibeġ imdawrin mas-salib, jara kif Kristu huwa ċ-ċentru tal-ħajja tagħna: kollox ġej minnu, kollox irid imur lura lejh. Fir-rabta taż-żibeġ flimkien, jara r-rabta tar-relazzjonijiet ta’ mħabba bejnietna, li twassal għall-għaqda ma’ Ġesù.
Ir-Rużarju huwa teżor li rridu niskopruh mill-ġdid. Ejjew nimpenjaw ruħna li nitolbu din it-talba kuljum, l-aktar fil-familji tagħna, ħalli tikber il-paċi u l-għaqda bejnietna u ħalli aħna nsiru nixbhu aktar lil Ġesù u lil Ommu Marija.
Fr Lino