Pjan Pastorali 2012-2014

“Teżor f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4, 7)

 

1. Knisja li tagħraf il-bidliet li qed iseħħu fis-soċjeta Maltija u dak li Alla jrid jgħidilna f’dawn ir-realtajiet ġodda.

1.1 Is-soċjeta Maltija m’għadhiex soċjeta li tgħinna nkunu nsara; anzi qed issir dejjem aktar soċjeta ostili għall-valuri nsara. Aħna ser inwieġbu billi nkabbru fostna spirtu ta’ komunjoni. “Li nagħmlu mill-Knisja d-dar u l-iskola tal-komunjoni: din hija l-akbar sfida li rridu niffaċċjaw fil-millennju l-ġdid jekk irridu nkunu leali għall-pjan ta’ Alla u nirrispondu għall-akbar xewqat tad-dinja… Ħalli ma jkollniex illużjonijiet: jekk ma nagħmlux dil-mixja spiritwali, strutturi esterni ta’ komunjoni ma jiswew għal xejn. Isiru mekkaniżmu mingħajr ruħ, ‘maskri’ ta’ komunjoni aktar milli espressjoni tagħha u ta’ maturita” (Beatu Ġwanni Pawlu II, Novo Millennio Ineunte43).

1.2 Infittxu u niffurmaw operaturi pastorali ġodda, speċjalment fil-qasam tal-katekeżi tat-tfal għall-ħajja, fil-qasam tal-formazzjoni tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ u fil-qasam tal-pastorali mal-familji. (Dan ma jfissirx li ser inwarrbu l-operturi pastorali li għandna, imma jfisser li f’dawn is-snin irridu nagħtu aktar importanza lill-formazzjoni tal-operaturi pastorali).

1.3 Naraw li l-lajċi impenjati tal-parroċċa u l-membri tal-għaqdiet ikunu miftuħa għall-missjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. L-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida hija r-responsabilta tal-poplu ta’ Alla kollu.

1.4 Inkomplu nsaħħu l-ħidma tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali u tal-Kummissjoni Implimentazzjoni Sinodu u tal-Kummissjonijiet l-oħra (adolexxenti u żgħażagħ, familja, liturġija, kateketika u djakonija) b’laqghat regolari u billi naraw li dawn ikunu tassew ambjenti fejn naħdmu flimkien f’komunjoni.

1.5 Insaħħu l-ħidma flimkien mal-parroċċi l-oħra ta’ Birkirkara ħalli b’hekk ikun qed jintlaħaq l-iskop tal-Unita Pastorali.

1.6 Nagħmlu laqgħat ta’ katekeżi għall-adulti fuq il-Kelma ta’ Alla fi żmien ir-Randan u l-Avvent. Dawn il-laqgħat jistgħu jieħdu l-forma ta’ lectio divina. L-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida hija ċċentrata kompletament fuq il-persuna ta’ Ġesu Kristu u l-kelma tiegħu. Matul ir-Randan u l-Avvent ikollna weekend retreat għal dawk kollha impenjati f’xi ħidma fil-parroċċa u għal kulħadd. Il-missjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida titlob minna li nkunu qaddisin.

 

2. Knisja li tevanġelizza b’mod ġdid: metodi ġodda, espressjonijiet ġodda u ħeġġa gdida.

2.1 Iċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sagramenti (Magħmudija, l-Ewwel Tqarbina, Griżma tal-Isqof, Żwieġ) għandhom jintużaw biex isiru kuntatti personali man-nies (bi żjarat fil-familji) u biex issir katekeżi soda.

2.2 Il-mument tal-Quddiesa tal-Ħadd jiġi sfruttat aħjar biex jinbena kuntatt man-nies li jiġu u biex tinbena komunita ta’ persuni li jemmnu. Naħdmu biex ikollna animaturi u letturi ppreparati tajjeb, persuni li jmexxu l-kant u li jħeġġu n-nies jipparteċipaw u li jkollna ministri tal-akkoljenza (welcoming and ushering).

2.3 Il-katekiżmu tat-tfal huwa opportunita tajba ħafna għal-kuntatt mal-ġenituri. Ngħinu lill-ġenituri jifhmu li għandhom ir-responsabilta kbira tal-formazzjoni nisranija ta’ wliedhom. Norganizzaw laqgħat ta’ formazzjoni għall-ġenituri biex ngħinuhom fis-sejħa tagħhom ta’ ġenituri nsara.

2.4 Il-katekeżi tat-tfal hija katekeżi għall-ħajja. Lit-tfal mhux qed nippreparawhom biss għas-Sagramenti imma wkoll biex jgħixu ta’ nsara. Infittxu katekisti ġodda u naraw li jieħdu l-formazzjoni meħtieġa.

2.5 Nagħmlu quddiesa għat-tfal darba fix-xahar biex nilħqu l-iskop li nikkumplimentaw il-katekeżi maċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija.

2.6 Naħdmu biex wara l-Griżma tal-Isqof l-adolexxenti jkomplu jirċievu formazzjoni nisranija billi jattendu l-gruppi maħsuba għalihom

2.7 Naraw li l-gruppi tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ iservu biex tkun imsaħħa l-formazzjoni nisranija tagħhom. Infittxu leaders ġodda għal dawn il-gruppi u naraw li jieħdu l-formazzjoni meħtieġa.

2.8 Il-gruppi tal-adolexxenti u żgħażagħ jaħdmu flimkien fuq ċerti proġetti u attivitajiet. Hemm bżonn li jkollna mumenti fejn l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, permezz ta’ dak li jagħmlu, jkunu tassew protagonisti fil-komunita nisranija. Biex dan iseħħ iridu jsiru laqgħat regolari tal-Kummissjoni Adolexxenti u Żgħażagħ li tiġbor flimkien il-leaders tal-gruppi kollha tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ.

2.9 Nibdew grupp li joffri mixja ta’ fidi għall-miżżewġin ta’ eta żagħżugħa.

2.10 Nibdew website interattiva tal-parroċċa u naraw li tinżamm aġġornata. Permezz tal-website in-nies ikunu jistgħu jwasslu kummenti, suġġerimenti u mistoqsijiet.

2.11 Naħdmu fuq proġett-pilota ta’ gruppi żgħar ta’ persuni li jinbnew flimkien bit-talb u l-katakeżi fuq il-Kelma ta’ Alla u li jkollhom għal qalbhom l-evanġelizzazzjoni ta’ territorji differenti tal-parroċċa (komunitajiet ekkleżjali di base).

 

3. Knisja b’qalb pastorali: nippreżentaw il-Knisja mhux bħala struttura imma bħala komunita ta’ persuni li jemmnu f’Ġesu u li jħobbu lil xulxin.

3.1 Bl-għajnuna tal-Kummissjoni Familja, isiru kuntatti diretti ma’ koppji miżżewġin ġodda u ma’ familji ġodda li jiġu joqogħdu fil-parroċċa. Isir kuntatt ukoll ma’ familji li għaddejjin minn diffikultajiet u naraw kif nistgħu ngħinuhom.

3.2 Il-parroċċa, permezz tal-Kummissjoni Djakonija, toffri solidarjeta fil-mumenti li l-familji u l-persuni jsibu ruħhom fil-bżonn (faqar materjali, mard, diżabilita, anzjanita, imwiet, problemi familjari) bi żjarat fil-familji, żjarat fl-isptar u biċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti fid-djar.

3.3 Ikollna mumenti soċjali fejn dawk kollha impenjati f’xi ħidma fil-parroċċa jsiru jafu aktar lil xulxin u japprezzaw aktar lil xulxin. L-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida titlob minna attitudni ta’ komunjoni. Irridu nkunu magħqudin u nidhru li aħna magħqudin u li nħobbu lil xulxin.