Wiċċ il-Ħniena (Misericordiae Vultus)
Bolla tal-Indizzjoni mill-Papa Franġisku dwar il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena
Ħsibijiet u Temi Prinċipali, u Analiżi
Il-Bolla Misericordiae Vultus ta’ Papa Franġisku tinftiehem tajjeb fil-qafas tal-Pontifikat tiegħu, jiġifieri fid-dawl tal-linji-gwida pastorali li hu ilu jisħaq fuqhom mill-bidunett tal-missjoni tiegħu bħala l-Isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja Universali. Mir-riflessjoni tiegħu qabel l-ewwel talba tal-Angelus tal-Pontifikat tiegħu (nhar is-17 ta’ Marzu 2013), beda jidher ċar li waħda mit-temi li kienu se jispikkaw fid-diskorsi u fil-ġesti tal-Papa l-ġdid kienet l-emfasi li hu beda jagħmel kostantement fuq il-ħniena ta’ Alla.
Nhar il-Ġimgha 13 ta’ Marzu 2015, meta waqt ċelebrazzjoni penitenzjali fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Papa ħabbar għall-ewwel darba l-Ġublew tal-Ħniena, u qal hekk: “Għeżież ħuti, spiss ħsibt fuq kif il-Knisja tista’ tagħmel iżjed evidenti l-missjoni tagħha ta’ xhud tal-ħniena. Hi mixja li titlaq minn konverżjoni spiritwali; u jeħtieġ nagħmluha din il-mixja. Għalhekk iddeċidejt li nsejjaħ Ġublew straordinarju li jkollu fil-qalba tiegħu l-ħniena ta’ Alla. Sa tkun Sena Mqaddsa tal-Ħniena. Irridu ngħixuha fid-dawl tal-kelma ta’ Alla. “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (ara Lq 6:36). U dan ngħidu b’mod speċjali għall-konfessuri! Ħafna ħniena!
“Jiena konvint li l-Knisja kollha, li tant għandha bżonn tirċievi l-ħniena, għax aħna midinbin, tista’ ssib f’dan il-Ġublew il-ferħ li tiskopri mill-ġdid u tkattar il-ħniena ta’ Alla, li biha aħna lkoll imsejħa nfarrġu lil kull raġel u mara ta’ żmienna. Ma ninsewx li Alla kollox jaħfer, u Alla dejjem jaħfer. Ma negħjewx nitolbu maħfra”.
Il-Bolla Misericordiae Vultus, mhux biss tħabbar uffiċjalment il-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena (mit-8 ta’ Diċembru 2015 sal-20 ta’ Novembru 2016) u tagħti xi dettalji preliminari dwaru, imma tagħtina ġabra straordinarja fil-qosor tat-teoloġija tal-ħniena. Huwa tagħlim li, bħalma hu kull tagħlim ieħor ġej minn Papa Franġisku, jista’ jinftiehem minn kulħadd, hi x’inhi l-formazzjoni jew il-livell edukattiv tiegħu. Il-kliem tad-dokument huwa mill-aktar ċar, l-istil mexxej, u għalhekk faċli li wieħed jaqbad it-test ta’ Misericordiae Vultus u jaqrah b’ċerta faċilità, anke bl-ilsien tagħna (kif miġjub mis-sit Laikos.org.mt). Id-dokument fih xi referenzi bibliċi sbieħ li jkomplu jgħinuna nifhmu s-suġġett, kif ukoll xi referenzi għal dak li kitbu xi ftit qaddisin (bħal Santu Wistin, San Tumas d’Akwinu u San Ġwann tas-Salib), kif ukoll numru ta’ Papiet riċenti (San Ġwanni XXIII, Beatu Pawlu VI u San Ġwanni Pawlu II). Naturalment, il-focus tad-dokument kollu hi l-ħniena infinita u permanenti ta’ Alla li jaf biss jurina tenerezza u għożża, u joffrilna l-maħfra tiegħu. L-istedina hija li ngħixu intensament dan il-Ġublew: “Ngħixu intensament il-Ġublew billi nitolbu lill-Missier il-maħfra ta’ dnubietna” (MV 22).
Kemm l-Introduzzjoni, kif ukoll il-Konklużjoni ta’ Misericordiae Vultus jagħtuna – kif wieħed jistenna – l-għan u l-ispirtu tal-Ġublew li se nkunu qed niċċelebraw. Fil-bidunett, Papa Franġisku jistqarr: “Ġesù Kristu hu wiċċ il-ħniena tal-Missier. Il-misteru tal-fidi Nisranija donnu jsib f’din il-kelma l-ġabra sħiħa tiegħu. Hi saret ħajja, viżibbli u laħqet il-quċċata tagħha f’Ġesù ta’ Nazaret. … Ġesù ta’ Nazaret bil-kelma tiegħu, bil-ġesti tiegħu u bil-persuna sħiħa tiegħu juri l-ħniena ta’ Alla” (MV 1). Fil-konklużjoni, il-Papa jgħid li waqt il-Ġublew “il-Knisja ssir eku tal-Kelma ta’ Alla li tidwi qawwija u konvinċenti bħala kelma u ġest ta’ maħfra, ta’ tweżin, ta’ għajnuna, ta’ mħabba. Ma tegħja qatt toffri l-ħniena u tistabar dejjem fil-faraġ u l-maħfra li xxerred” (MV 25).
Meta wieħed jaqra tajjeb Misericordiae Vultus, jintebaħ li hemm qafas bibliku sod, b’referenzi pertinenti ħafna għat-teoloġija tal-ħniena. Hemm referenzi għat-Testment il-Qadim, partikolarment xi Salmi u xi Profeti, u għat-Testment il-Ġdid, partikolarment għal xi parabboli u mirakli ta’ Ġesù. Aspett ieħor li joħroġ ċar fil-Bolla Pontifiċja huwa dak prattiku. Fi kliem ieħor, il-Papa jurina kif nagħmlu esperjenza personali tal-ħniena, u kif aħna ngħixu l-ħniena fir-relazzjonijiet tagħna ma’ ħutna l-bnedmin.
Fid-dokument Misericordiae Vultus jiena nara dawn l-aspetti trasversali:
(a) Aspett Kristoloġiku – b’emfasi fuq il-missjoni pubblika (speċjalment kif kien jilqa’ l-midinbin) u l-Misteru tal-Għid tal-Mulej. Aħna mistednin insammru ħarsitna fuq Ġesù. Ir-referenzi għal Ġesù huma ħafna u nsibuhom f’dawn il-paragrafi: 1, 7, 8, 11, 12, 14, 15, 20, 21, 22 u 25.
(b) Aspett Ekkleżjoloġiku – b’emfasi fuq il-Knisja li “għandha l-missjoni li xxandar il-ħniena ta’ Alla, il-qalb tħabbat tal-Evanġelu, li permezz tagħha trid tilħaq il-qalb u l-moħħ ta’ kull bniedem” (MV 12). F’rabta mal-aspett ekkleżjoloġiku, hemm dak eskatoloġiku, speċjalment bir-referenza għax-xirka tal-qaddisin (ara para. 22).
(c) Aspett Liturġiku – b’emfasi fuq iċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Qrar bħala esperjenza qawwija u diretta tal-ħniena ta’ Alla. Il-Papa qed jipproponi diversi inizjattivi bħal “24 siegħa għall-Mulej” biex il-Ġimgħa u s-Sibt tat-tielet ġimgħa tar-Randan ikun hemm konfessuri biex jisimgħu l-qrar f’diversi ċentri tad-djoċesijiet (ara MV 17), u bħall-Missjunarji tal-Ħniena matul ir-Randan li hu se jagħtihom l-awtorità li jaħfru anke d-dnubiet riżervati għas-Santa Sede, apparti milli jkunu “sinjal ħaj ta’ kif il-Missier jilqa’ lil dawk li qed ifittxu l-maħfra tiegħu” (MV 18).
(d) Aspett Marjoloġiku – b’emfasi fuq il-preżenza ta’ Marija li twassal il-bnedmin għar-rikonċiljazzjoni ma’ Binha Ġesù. Apparti l-fatt li l-Ġublew se jibda nhar it-8 ta’ Diċembru 2015, is-Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa ta’ Marija, wieħed għandu jinnota li l-Papa jsejjaħ lil Marija bħala “Omm il-Ħniena”. Il-Papa jistqarr li “il-ħlewwa ta’ ħarsitha sseħibna tul din is-Sena Mqaddsa, biex ilkoll kemm aħna nistgħu niskopru mill-ġdid il-ferħ tal-ħlewwa ta’ Alla. Ħadd daqs Marija ma għaraf il-qawwa tal-misteru ta’ Alla magħmul bniedem. … Omm il-Mislub Irxoxt daħlet fis-santwarju tal-ħniena divina għax ħadet sehem intimu fil-misteru ta’ mħabbtu” (MV 24).
(e) Aspett Etiku – b’emfasi fuq ir-responsabbiltà fil-ħajja tan-Nisrani biex “ħadd minna ma … jsir imħallef ta’ ħuh” (MV 14). Papa Franġisku jfakkarna fis-sejħa li ngħixu b’libertà fil-konfront mal-illużjoni tal-flus (MV 19a), li ma nappoġġjawx jew inkunu kompliċi fil-korruzzjoni li theżżeż il-pedamenti tas-soċjetà (MV 19b), u li ngħixu l-valur tal-ġustizzja fir-relazzjoni ma’ ħutna l-bnedmin (MV 20).
Kif wieħed jistenna hemm diversi temi oħra direttament marbutin maċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena. Fost dawn, il-Bolla Misericordiae Vultus ssemmi: (i) is-sinifikat tal-“Bieb tal-Ħniena” (Porta Santa) (ara MV 3) li ma jkunx biss fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan u fil-Bażiliċi Patrijarkali ta’ Ruma, imma wkoll f’kull Djoċesi (bħal fil-Katidral, fis-Santwarji u postijiet oħra ta’ devozzjoni); (ii) il-motto tal-Ġublew – “Ħanina bħall-Missier” (MV 14); (iii) it-tema tal-vjaġġ jew pellegrinaġġ, li apparti l-aspett fiżiku li spiss jieħu, għandu jkun simbolu tal-vjaġġ ta’ konverżjoni li għalih huwa msejjaħ kull bniedem (ara MV 14); (iv) l-atteġġjament tal-konfessuri waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Qrar meta huma msejħin biex f’isem Alla jilqgħu lil kull midneb niedem (ara MV 17); (v) l-għoti tal-indulġenza f’rabta mal-Ġublew, li apparti mit-tneħħija tal-effetti negattivi fina tad-dnubiet li diġà nħafrulna, iddewwaqna l-vera tifsira tal-kelma, għax il-ħniena ta’ Alla ssir l-indulġenza tiegħu (mill-abbundanza infinita ta’ mħabbtu għalina) li permezz tal-Knisja tilħaq kull midneb maħfur u tgħinu jġib ruħu bl-imħabba, u mhux jerġa’ jaqa’ fid-dnub (ara MV 22).
Papa Franġisku jagħmel emfasi fuq l-opri tal-ħniena, kemm dawk li jmissu r-ruħ, kif ukoll dawk li jmissu l-ġisem. Hawn tidħol ir-responsabbiltà ta’ kull Nisrani lejn ħutu l-bnedmin, l-aktar dawk li jinsabu – kif iħobb isemmi l-Papa – fil-periferiji eżistenzjali tas-soċjetà tallum.
Il-Papa ma jonqosx li jagħmel tliet referenzi sbieħ għal siltiet mill-Maġisteru ta’ xi predeċessuri riċenti tiegħu, u li jkompli jitfgħu dawl fuq l-għanijiet tal-Ġublew tal-Ħniena:
I. Id-diskors profetiku tal-Papa San Ġwanni XXIII fil-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II (Ottubru 1962), fejn dan jisħaq fuq Knisja li “tippreferi tuża d-duwa tal-ħniena flok taqbad l-armi tas-severità ħarxa” u li “turi ruħha bħala omm mimlija mħabba għal kulħadd” (MV 4).
II. Id-diskors programmatiku tal-Papa Beatu Pawlu VI fl-għeluq tal-Konċilju (Diċembru 1965), meta jgħid li l-Knisja li għamlet esperjenza ekkleżjali hekk qawwija u li għandha patrimonju teoloġiku għani għandha din id-direzzjoni: “li naqdu lill-bniedem … f’kull qagħda tiegħu, f’kull dgħjufija tiegħu, f’kull ħtieġa tiegħu” (MV 4).
III. L-Enċiklika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II dwar il-ħniena ta’ Alla, Dives in Misericordia (Novembru 1980): “Il-misteru ta’ Kristu … iġegħelni wkoll inxandar li l-ħniena hi l-imħabba kollha ħniena ta’ Alla … Iġegħelni wkoll nirrikorri għal din il-ħniena u nitlob għaliha f’dan il-mument hekk iebes u hekk kritiku tal-ġrajja tal-Knisja u tad-dinja” (MV 11).
Fatt interessanti li l-Papa ħass li kellu jinkludi fid-dokument Misericordiae Vultus huwa l-aspett interreliġjuż meta jispjega kif il-ħniena hija valur importanti lil hinn mill-ħitan tal-Knisja, għax insibuha fil-Ġudaiżmu u fl-Iżlam (ara MV 23).
Ejjew inħallu l-Papa Franġisku jkellimna hu direttament fil-Konklużjoni tad-dokument tiegħu, Misericordiae Vultus, para. 25: “Għalhekk din is-Sena Mqaddsa straordinarja, biex ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum il-ħniena li sa minn dejjem il-Missier xerred fuqna. F’dan il-Ġublew ejjew inħallu lil Alla jissorprendina. Hu ma jegħja qatt jiftaħ beraħ il-bieb ta’ qalbu biex itennilna li jħobbna u jrid jaqsam ħajtu magħna. Il-Knisja tħoss b’mod qawwi l-urġenza li xxandar il-ħniena ta’ Alla. Il-ħajja tagħha tkun awtentika u kredibbli meta tagħmel mill-ħniena t-tħabbira konvinta tagħha. Hi taf li l-ewwel dmir tagħha, fuq kollox fi żmien bħalma hu dan tagħna, mimli b’tamiet kbar imma wkoll b’kuntrasti qawwija, hu dak li ddaħħal lil kulħadd fil-misteru kbir tal-ħniena ta’ Alla, hi u tikkontempla l-wiċċ ta’ Kristu
“Il-Knisja hi l-ewwel waħda li hi msejħa tkun xhud veritier tal-ħniena, billi tistqarrha u tgħixha bħala l-qalba tar-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu. Mill-qalb tat-Trinità, mill-ġewwieni l-aktar profond tal-misteru ta’ Alla, tnixxi bla waqfien ix-xmara kbira tal-ħniena. Din l-għajn ma tista’ qatt tinxef, ikunu kemm ikunu dawk li jersqu jixorbu minnha. Kull darba li xi ħadd jiġi bżonnha, jista’ jersaq lejha, għax il-ħniena ta’ Alla hi bla tarf. Daqskemm ma nistgħu qatt nifhmu l-fond tal-misteru li fih tinsab, daqshekk ieħor hu bla tarf l-għana li joħroġ minnha.
“F’din is-Sena tal-Ġublew, il-Knisja ssir eku tal-Kelma ta’ Alla li tidwi qawwija u konvinċenti bħala kelma u ġest ta’ maħfra, ta’ tweżin, ta’ għajnuna, ta’ mħabba. Ma tegħja qatt toffri l-ħniena u tistabar dejjem fil-faraġ u l-maħfra li xxerred. Il-Knisja ssir leħen għal kull raġel u mara u ttenni b’fiduċja u bla waqfien: ‘Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, għax huma minn dejjem, Mulej’ (Salm 25:6)”.
Dun Hector Scerri