Apprezzament tal-Arkitettura tal-Knisja

IMAG1371Huwa ġeneralment maħsub mill-istoriċi li l-Knisja nbdiet minn Vittorio Cassar (1550-1607) matul l-ewwel deċenju tas-seklu sbatax, u tlestiet minn Tommaso Dingli (1591-1666).

Vittorio Cassar, iben il-famuż Girolamo, għamel parti minn żewġ sekli u minn żewġ stili differenti. Għaldaqstant, l-arkitettura tiegħu hi transizzjonali u, għalhekk, interessanti. Hu beda l-karriera tiegħu bħala inġinier militari, iżda, iktar tard dar għall-arkitettura ekkleżjastika. Huwa ġeneralment marbut max-xogħol fil-knejjes parrokkjali qodma ta’ Birkirkara u Raħal Ġdid, u l-knejjes parrokkjali ta’ l-Isla u Ħaż-Żebbuġ.

Tommaso Dingli, arkitett u skultur, ħalla wirt għani għal pajjiżu, u uħud mill-aqwa knejjes rinaxximentali f’Malta; f’Ħ’Attard, f’Birkirkara, fin-Naxxar, fil-Gudja, fil- Mosta u f’Ħaż-Żabbar. Dawn huma tribut għall-kapaċita’ kbira u l-versatilita’ tiegħu. Il-qerda taż-żmien u, fuq kollox, il-vandaliżmu tal-ġenerazzjonijiet li ġew wara għamlu ħerba mix-xogħolijiet tiegħu, imma fortunatament għal Malta, il-knisja parrokkjali ta’ Ħ’Attard baqgħet intatta, u dik ta’ Birkirkara ġiet restawrata. Taħt Dingli, ir-Rinaxximent mexa ’l quddiem għall-Barokk, u l-iskultura saret parti integrali mill-bini.IMAG1680

Il-pjanta tal-knisja ta’ l-Assunta ta’ Birkirkara hi bbażata fuq is-Sistema Proporzjonali ta’ seba’ kwadri, tant ippreferuta mit-Teoristi tar-Rinaxximent, bi tliet kwadri għall-korsija, wieħed għal kull kappellun, kwadru jaqsam taħt il-koppla, u kor kwadru. L-altari tal-ġnub qegħdin f’kappelli baxxi mżejnin b’kolonni ta’ skultura fina u l-ħitan li jifirdu l-artal mill-korsija huma mnaqqxin sabiħ. Is-saqaf troll bil-panewijiet li għandu disinn bassoriljiev u twieqi fit-tond hu għaxqa għal min jarah.

IMAG1679Il-faċċata hi bbażata fuq il-parti ta’ quddiem tat- tempju antik Ruman b’pilastri enormi ta’ ordni Korintjan, irrepetuti fl-irkejjen tal-faċċata tat-tramuntana u tan-nofsinhar. L-armonija fil-faċċata titla’ b’mod vertikali mis-sett tal-bieb ta’ quddiem li qiegħed bejn żewġ kolonni, għal grupp ta’ tarki bl-armi fin-nofs, tgħaddi tieqa tonda u tispiċċa f’pedament kamber li jinxtered u jinfetaħ. Il-biċċa mnaqqxa fin-nofs hi tipikament fuq stil Spanjol, u tfakkar l-istil ornamentali fl-arġenterija ta’ għad ta’ knejjes fi Spanja, speċjalment f’Andalusija. L-ispazju vojt bejn il-pilastri ta’ l-irkejjen u l-parti ċentrali hu mimli b’sitt niċeċ, tlieta fuq kull naħa.

IMAG1534IMAG1693IMAG1684

Kitba: Michael Ellul