Settembru 2015

Dan ix-xahar nixtieq naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar iż-żwieġ u l-familja. Fis-Sagrament taż-Żwieġ il-koppja għandhom l-għajnuna tas-Sema. Huma jirċievu l-qawwa tal-Ispirtu Qaddis ta’ Alla li jagħmilhom sinjal ħaj tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin.

Il-koppja jridu jaħdmu għaż-żwieġ tagħhom kuljum. Huma jridu jġeddu kuljum l-impenn tagħhom għal xulxin; jridu jġeddu kuljum l-“iva” tagħhom għal xulxin, u hekk il-familja tagħhom tikber fl-imħabba ta’ Alla fuq il-mudell tal-familja ta’ Nazaret.

Il-koppja tikber fl-imħabba bejniethom permezz ta’ relazzjoni ħajja ma’ Alla; permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjeta; permezz ta’ djalogu ħaj bejniethom; permezz tar-rispett lejn l-ideat ta’ xulxin; permezz tas-support lil xulxin; permezz tal-maħfra ta’ xulxin; u billi jirbħu d-diffikultajiet ta’ bejniethom b’għaqal u b’umilta.

Il-vokazzjoni tal-miżżewġin insara mhux faċli tgħixha fiż-żminijiet tal-lum. Il-vokazzjoni tal-imħabba hija xi ħaġa tal-għaġeb, hija l-unika forza li għandha l-qawwa tibdel id-dinja. Meta l-miżżewġin jgħixu l-imħabba tagħhom għal xulxin b’mod awtentiku, isiru “Vanġelu ħaj”, isiru “knisja domestika”.

Kemm jista’ jkun għandna naħdmu fuq il-problemi qabel iż-żwieġ. Lil dawk li ser jiżżewġu għandna ngħinuhom biex jidħlu għall-impenn taż-żwieġ b’deċiżjoni għaqlija u matura. L-għażla li jiżżewġu trid tkun frott l-imħabba lejn xulxin, frott ir-riflessjoni ta’ flimkien u frott rieda soda u dejjiema.

Fl-għerusija u fiż-żwieġ, il-koppja għandhom jagħtu prijorita li jkunu nies awtentiċI u ġenwini; moħħhom m’għandux ikun f’dak li ser ikollhom imma f’dak li tassew jibnihom bħala koppja li jħobbu lil xulxin.

B’dawn ir-riflessjonijiet quddiem għajnejna nkomplu nitolbu għal dawk kollha li qed jitħejjew għaż-żwieġ u għall-miżżewġin kollha.