Talba tal-Papa Franġisku għall-Ġublew tal-Ħniena (Diċembru 2015 – Novembru 2016)

Mulej Ġesù Kristu,

int li għallimtna nħennu bħalma ħanin hu Missierna tas-Sema,

u għidtilna li min jara lilek jara lilu:

urina wiċċek u nkunu salvi.

Ħarstek mimlija mħabba ħelset lil Żakkew u ’l Mattew mill-jasar tal-flus;

lill-adultera u l-Maddalena milli jqiegħdu l-ferħ tagħhom biss fi ħlejqa;

bikkiet lil Pietru wara t-tradiment,

u wiegħdet il-Ġenna lill-ħalliel niedem.

Agħmel li kull wieħed u waħda minna jisma’ tingħad lilu

dik il-kelma li int lissint lis-Samaritana:

Kieku kont taf id-don ta’ Alla!

Int il-wiċċ li jidher tal-Missier li ma jidhirx,

ta’ Alla li juri s-setgħa tiegħu fuq kollox bil-maħfra u l-ħniena:

agħmel li l-Knisja tkun fid-dinja l-wiċċ tiegħek li jidher,

int li int il-Mulej tagħha, rebbieħ fuq il-mewt u glorjuż.

Int ridt li l-ministri tiegħek ikunu huma wkoll imlibbsa bid-dgħufija

biex jistgħu jħossu għal dawk li qegħdin fl-injoranza u l-iżball;

agħmel li kull min jersaq lejn wieħed minnhom

iħossu milqugħ, maħbub u maħfur minn Alla.

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek u kkonsagrana lkoll bid-dilka tiegħu

biex dan il-Ġublew tal-Ħniena jkun sena ta’ grazzja tal-Mulej

u l-Knisja tiegħu b’ħeġġa mġedda tista’ twassal lill-foqra l-bxara t-tajba,

tħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u l-maħqurin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja.

Dan nitolbuhulek bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Ħniena,

int li tgħix u ssaltan flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu

għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

logo sena tal-hniena